Proġett ieħor immirat li jeqred art agrikola f’Ħal QormiInfrastructure Malta qed tippjana li twessa’ l-bypass tal-iMrieħel u tibni flyover u tieħu 15-il tomna art lill-bdiewa li ilhom għal ġenerazzjonijiet sħaħ jaħdmuha.

Il-kandidat tal-ADPD – The Green Party fuq is-6 distrett (li jinkludi Ħal Qormi) Sandra Gauci qalet li din hija ġennata speċjalment fiż-żminijiet ta’ bħalissa fejn il-provvista tal-ikel hija waħda mill-ikbar uġiegħ ta’ ras għal ħafna pajjiżi fosthom Malta fid-dawl tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja.Gauci qalet li “jekk hemm l-għaqal għandna nibżgħu għall-għelieqi tagħna u nieħdu ħsieb il-bdiewa u mhux nitrattawhom ta’ disposables li ma għadx hemm bżonnhom u nissagrifikaw art għammiela li tagħti l-ikel fuq l-artal ta’ l -hekk imsejjaħ progress għal-karozzi li xorta se jeħlu x’imkien.”Gauci semmiet kif il-proposta tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi kienet tagħmel aktar sens u anqas ħsara imma donna mhix ta’ profit għal-bwiet tal-iżviluppaturi u allura qed tiġi mwarrba.Kif jgħid il-manifest elettorali ta’ ADPD għal din l-elezzjoni m’għandniex bżonn iktar toroq. Imma għandna bżonn inqas karozzi fit-toroq li għandna. Tnaqqis ta’ karozzi mit-toroq jwassal għal tnaqqis fil-konġestjoni tat-traffiku u titjib fil-kwalità tal-ħajja, inkluż iktar sigurtà fit-toroq tagħna għal kulħadd.“Meta se nindunaw li dan mhux il-mod kif tnaqqas it-traffiku? Meta se jagħrfu l-importanza tax-xogħol tal-bidwi? Għalfejn il-leħen tan-nies ta’ Ħal Qormi mhux qed jingħata widen? Dan huwa l-aħħar pulmun aħdar li baqgħalhom il-Qriema u b’rappreżentanza ta’ ADPD fil-Parlament nassiguraw li dawn iż-żoni ħodor li ftit għad fadal minnhom f’pajjiżna ma jkomplux jitnaqqru,” temmet tgħid Gauci.

Do you see content on this website that you believe doesn’t belong here?
Check out our disclaimer.