Inħarsu l-aspirazzjonijiet tal-ġenerazzjonijiet li telgħin“ll-futur ħadd ma jafu imma bil-mod kif naġixxu nistgħu niddeterminawh.” Dan qalu iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Carmel Cacopardo meta flimkien mas-Segretarju Ġenerali Ralph Cassar u l-Uffiċjal għall-Media Brian Decelis il-Ħamis iltaqgħu ma numru ta’ studenti żgħażagħ fil-pinetum f’ Sa Maison.Dawn l-istudenti jifformaw parti mill-programm EkoSkola li ilu jeżisti għal madwar 20 sena.

Numru kbir ta’ skejjel ittajjru il-Bandiera Ħadra li tikkonferma l-għarfien ambjentali u l-impenn tagħhom favur dinja aħjar.Bħalma jsir kull elezzjoni, l-istudenti jressqu t-talbiet tagħhom lil dawk li jkunu qed jaspiraw li jingħataw il-fiduċja mill-poplu biex imexxu lil pajjiżna. Fost dawk li esprimew ruħhom spikka xi ftit l-għadab tal-istudenti li minkejja il-wegħdiet iħossu li dawn ġew injorati – għaliex affarijiet li talbu fil-passat ma sar xejn dwarhom.Il-Perit Cacopardo fisser li ADPD ma kienetx f’pożizzjoni li twettaq dak li jixtiequ iż-żgħażagħ qabel ma jkollha rappreżentanza fil-parlament. Madankollu, bħalma l-kandidati kollha ta’ ADPD għal din l-elezzjoni iffirmaw id-dikjarazzjoni ta’ qbil mal-Manifest tat-Tfal, jridu jkomplu jisimgħu leħinhom biex iressqu it-talbiet tagħhom fil-fora kollha possibbli.Huwa faħħar l-inizjattiva ta’ EkoSkola li tagħti lill-istudenti żgħażagħ għarfien akbar tat-temi li jolqtu il-ħajja tagħna ta’ kuljum fosthom dawk relatati mal-ilma, l-iskart, ir-riċiklaġġ, l-effiċjenza fl-enerġija u t-tibdil fil-klima fost l-oħrajn. Dan iwassal biex dak li jitgħallmu l-iskola l-istudenti jwassluh fid-djar tagħhom, mal-familji tagħhom u lis-soċjetà in ġenerali.Bis-saħħa ta’ din l-edukazzjoni ambjentali il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ qegħdin jitgħallmu li il-ħsara ambjentali mhiex irriversibbli. Anzi huma jistgħu ikunu aġenti tal-bidla li hemm bżonn urġenti li sseħħ biex twaqqaf – u eventwalment treġġa’ lura – il-ħsarat ambjentali akkumulati tul iż-żmien.Huwa spjega li l-azzjonijiet tal-lum iħallu impatt fuq dawk t’għada: “Għandna nimpenjaw rwieħna biex il-ġenerazzjonijiet  ta’ għada jitħallulhom l-ispazju biex huma ukoll ikun possibbli għalihom li jieħdu id-deċizjonijiet tagħhom. Il-futur ħadd ma jafu imma bil-mod kif naġixxu nistgħu niddeterminawh,” insista Cacopardo.Huwa talab li laqgħat ta’ dan it-tip ma jsirux biss lejlet l-elezzjoni imma jkun hemm djalogu kontinwu biex l-aspirazzjonijiet tal-ġenerazzjonijiet li telgħin jingħataw l-attenzjoni kollha possibbli biex verament il-politika isservi bħala għodda għal titjib fil-kwalita’ tal-ħajja għal kulħadd, temm Cacopardo.

Do you see content on this website that you believe doesn’t belong here?
Check out our disclaimer.