Diversi tefgħu għajnejhom fuq art agrikola biex jixtruha.

Ma jriduhiex għax għandhom xi interess fl-agrikultura iżda għal diversi raġunijiet oħra. Hemm min iridha għal investiment u hemm min iridha biex fiha jqatta’ l-ħin liberu tiegħu, għall-kwiet, il-bogħod mill-istorbju madwar l-inħawi fejn noqgħodu jew naħdmu.Dawn, għax jifilħu jħallsu qed jgħollu l-prezz li qed joffru u bi prezz għoli qed jispiċċaw jixtru bosta tmiem raba’ f’diversi partijiet ta’ Malta u Għawdex.Billi bħalissa din it-tip ta’ domanda qed tikber qed jinħoloq suq li fih il-prezz offrut għal art agrikola hu għoli, għax hemm min jiflaħ u jrid iħallas. Dan qed iħajjar sewwa lil min ibiegħ.Ma hemmx għalfejn ngħidilkom li bosta sidien tar-raba’ jippreferu somma tajba milli l-ftit ċekċik ta’ euro li bħalissa qed idaħħlu mill-qbiela.Fin-nofs, imma, hemm il-bidwi li l-qbiela li illum iħallas hi baxxa wisq, ftit euro fis-sena. Bla dubju l-qbiela trid tiżdied. Id-diffikultà hi dwar kemm għandha tkun din iż-żieda. Għax ir-raba’ anke jekk fgata bil-kimika, prinċipalment fil-forma ta’ pestiċidi, ftit tista’ tikkompetti ma dawk li għandhom but fond ħafna. Dan apparti l-fatt li l-kimika fir-raba’ teħtieġ li tonqos sewwa, u preferibilment ma tintużax iktar!Il-biedja ma tirrendix qliegħ biżżejjed biex tagħmel tajjeb għal dawn il-prezzijiet li qed jintalbu. Għal uħud dan ifisser li l-biedja allura għandha tagħmel il-wisa’ għal min jiflaħ iħallas. Il-bdiewa allura, x’ser jiġri minnhom? L-ikel meħtieġ minn artna, min ser jieħu ħsiebu? Ma nistgħux niddependu biss minn ikel impurtat.Sa ftit ġranet ilu dan kien l-argument li f’każ wara l-ieħor il-Qrati tagħna kienu qed jaċċettaw. Il-każijiet kienu qed jinqatgħu wieħed wara l-ieħor a bażi ta’ din il-liġi tal-ġungla: li min jiflaħ għall-prezz tas-suq għandu d-dritt li jħawwel lil min ma jiflaħx għalih.Iżda din il-ġimgħa kellna każ interessanti li poġġa l-argumenti li smajna s’issa rashom l-isfel.F’sentenza mogħtija nhar it-Tlieta li għaddew l-Imħallef Wenzu Mintoff għamel l-argument favur il-biedja. Argument li rari, jekk qatt, instema’ fl-awli tal-Qrati tagħna. Il-pajjiż, qal l-Imħallef, għandu jħares il-biedja u japprezza iktar dak li tirrendi. Jekk ma nħarsux il-biedja, x’ser nieklu? Il-kummerċ ma’ barra mhux dejjem jipprovdi, biżżejjed jew fil-ħin.  Ma nistgħux nistrieħu fuq il-kummerċ ma’ barra biss. L-art tagħna, jekk tinħadem tista’ tipprovdi, kif ipprovdiet iktar minn biżżejjed fil-passat. Imma jeħtieġ li l-art inħarsuha.L-imħallef Mintoff għamel tlett osservazzjonijiet importanti.Fl-1967 il-Parlament Malti, osserva l-Imħallef, approva liġi dwar il-qbiela. Dan għamlu biex iħares l-użu tal-art agrikola, għax anke dakinnhar kien ikkunsidrat li kien hemm il-ħtieġa għal dan il-ħarsien. Dan kien skop leġittimu tal-Parlament Malti.L-Imħallef kompla josserva li l-istat għandu r-responsabbiltà li jassigura li pajjiż ikollu biżżejjed prodotti tal-ikel għall-ħtiġijiet tal-pajjiż. Dan kien rifess tal-qagħda ekonomika u finanzjarja tal-pajjiż.Ikompli josserva li minkejja l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u l-importazzjoni tal-ikel minn barra, l-istat xorta jibqalu l-obbligu li jassigura ruħu li l-pajjiż ma jkunx jiddependi iżżejjed fuq l-importazzjoni. Jekk dan ma jsirx, l-agrikultura, ftit ftit tispiċċa, darba għal dejjem.Dan kollu għandu jseħħ f’kuntest ta’ rispett sħih tad-drittijiet fundamentali ta’ kulħadd.Huwa fid-dawl ta’ dan kollu li jridu nfasslu u niddeċiedu t-triq il-quddiem.Fid-deċiżjoni tiegħu l-Imħallef Wenzu Mintoff jemfasizza li l-valur reali tar-raba’ jrid ikun rifless ta’ dak li l-art verament tirrendi. L-argumenti legali li tagħmel il-Qorti huma kumplessi ħafna iktar minn hekk, imma essenzjalment il-Qorti qed tgħid li l-biedja għandha valur fih innifsu u huwa f’dan il-valur li wieħed irid isib is-soluzzjoni għall-problema li għandna quddiemna.Il-kobba hi mħabbla sewwa u każ wieħed mhux ser isolvi l-biżibilju kawżi li bħalissa deħlin fil-Qrati biex ikunu żgumbrati l-bdiewa minn raba’ li ġieb prezz tajjeb fis-suq tal-propjetà. Apparti dan, hu fatt li l-messaġġ ċar u etiku tal-Imħallef Mintoff idarras lil bosta li l-unika valur li jafu bih u japprezzaw hu il-valur tal-flus.Din hi l-problema reali li minħabba fiha r-raba’ qed isejħilna. Qed jgħajjat u jokrob, imma ħafna mhux qed jagħtu każ.Carmel CacopardoIppubblikat fuq Illum: il-Ħadd 26 ta’ Diċembru 2021

Do you see content on this website that you believe doesn’t belong here?
Check out our disclaimer.